Dr. Alastair Farrugia trabba Raħal Ġdid, il-Fgura u Birżebbuġa. Tgħallem fil-Kulleġġ Stella Maris tal-Gżira, fl-Universita' ta' Malta, u l-Universita' ta' Waterloo fil-Kanada.
Għandu Ph.D. fil-matematika, u aktar minn 20 sena esperjenza fil-matematika, IT, tagħlim, u xogħol volontarju ma’ ghaqdiet differenti. Huwa wkoll jagħti taħriġ fil-Focusing - prattika li tixbah il-mindfulness u l-meditazzjoni.
Alastair ħiereġ mal-Momentum għax irid gvern għal kulħadd, mhux biss għal-kbir u għal-ħbieb tal-ħbieb. Irid li t-taxxi tagħna jintużaw aħjar, li r-riżorsi pubbliċi jintużaw b'mod ġust, irid bliet u rħula aħjar, ippjanar li jħares il-kwalità tal-ħajja, soluzzjonijiet fit-tul fil-qasam tad-djar u l-infrastruttura; u toroq, dawl, ilma u servizzi oħrajn li jaħdmu sew.
Il-Professur Arnold Cassola, akkademiku u politiku, huwa l-mexxej ta’ Momentum. Huwa l-awtur ta’ aktar minn 40 ktieb, l-aktar dwar l-istorja u l-kultura Maltija. Fl-1999 ġie elett Segretarju Ġenerali tal-Partit tal-Ħodor Ewropej fi Brussell. Ġie rielett unanimament fl-2003.
Huwa l-aktar kandidat ta' tielet partit u indipendenti li kiseb voti fil-105 sena storja tal-elezzjonijiet Maltin. Fl-2024 kiseb it-tielet l-ogħla ammont ta’ voti fl-ewwel għadd fl-elezzjonijiet tal-MEP, wara Metsola u Agius Saliba.
Billy J. McBee huwa vuċi qawwija tal-Belt Valletta favur ir-residenti, l-identità tal-komunità, u d-dritt għal kwalità ta' ħajja deċenti. Billy huwa wkoll impenjat favur l-ugwaljanza; kawża li jiddefendi kemm bħala kwistjoni ta' prinċipju kif ukoll minħabba l-esperjenza personali tiegħu.
Bħala l-fundatur ta' ResidentiBeltin, McBee bena r-reputazzjoni tiegħu billi ddefenda r-ruħ tal-Belt Valletta kontra l-iżvilupp eċċessiv, it-turiżmu tal-massa, u l-erożjoni tal-għajxien fil-kapitali ta' Malta li hija ddikjarata sit ta' wirt dinji mill-UNESCO. Huwa jemmen li l-ispazji pubbliċi jappartjenu lin-nies u l-komunità, mhux lill-interessi kummerċjali.
Għal McBee, l-identità, il-bilanċ ambjentali, u l-kwalità tal-ħajja għandhom dejjem jiġu qabel il-profitt privat. Issa, huwa lest li jġib dik l-istess determinazzjoni u valuri fl-Ewwel u s-Sitt Distrett, filwaqt li jwassal il-vuċi u l-viżjoni tal-Belt f'kull komunità li se jservi.
Carmel Asciak twieled il-Belt Valletta fl-1951 u llum joqgħod il-Mellieħa. Huwa kellu karriera distinta ta’ 40 sena mal-Bank of Valletta, fejn tela’ tarġa tarġa sakemm eventwalment laħaq pożizzjoni eżekuttiva. Matul l-ewwel snin tiegħu mal-bank, huwa studja mal-London Institute of Bankers u kiseb b’suċċess l-assoċjazzjoni (associateship). Bħalissa, huwa japplika l-esperjenza professjonali tiegħu fis-settur tat-trasport, fejn jaħdem fuq bażi part-time.
Sa minn żgħożitu, nannuh min-naħa t’ommu nstilla fih rispett kbir lejn il-klassi tal-ħaddiema, u dan iffunda l-konvinzjonijiet politiċi tiegħu lejn ix-xellug taċ-ċentru. Huwa jgħożż il-valuri Kristjani, flimkien ma’ impenn qawwi lejn l-identità ta’ Malta u l-wirt kulturali tagħha. Huwa ngħaqad ma’ dan it-tim biex jikkontribwixxi għal Malta fejn is-suċċess jiġi bbażat fuq il-ġustizzja soċjali u l-governanza tajba.
Fil-kapaċità tiegħu bħala teżorier ta’ Momentum, ir-rwol primarju tiegħu jinvolvi l-immaniġġjar tal-finanzi tal-partit. Huwa responsabbli wkoll biex jirrapporta lill-Kummissjoni Elettorali, filwaqt li jiżgura li l-attivitajiet finanzjarji kollha jsiru skont kif titlob il-liġi.
Mark huwa missier u intraprenditur fis-settur teknoloġiku li jemmen li l-politika, bħal kull sistema oħra, tista’ titranġa jekk tapplika l-loġika u l-intenzjoni t-tajba. Bi studji f'livell ta' Masters fix-Xjenza tal-Kompjuter, huwa bena karriera bbażata fuq it-tfassil ta’ sistemi li jagħmlu l-ħajja tan-nies aktar faċli. Fl-intrapriża huwa wera li l-aqwa riżultati jinkisbu meta tpoġġi l-benesseri tal-bniedem u l-effiċjenza operattiva l-ewwel.
Għal Mark, il-politika mhijiex dwar slogans vojta, iżda hija l-għodda biex nindirizzaw il-kumplessità tal-lum b'mod prattiku. Huwa jġib miegħu l-mentalità ta’ inġinier, wieħed li janalizza l-problemi mill-għeruq u jneħħi l- "fluff" biex isib soluzzjonijiet li verament jaħdmu għaċ-ċittadin. Permezz ta’ "trasparenza radikali," Mark qed jisfida l-istatus quo, bil-għan li jissostitwixxi d-diskors politiku tradizzjonali b’azzjoni bbażata fuq l-evidenza u l-onestà.
Bħala wieħed mill-fundaturi u s-Segretarju Ġenerali ta’ Momentum, kif ukoll Deputat Segretarju Ġenerali tad-Demokratiċi Ewropej, Mark huwa determinat li jġib bidla storika fil-pajsaġġ politiku Malti.
Il-mira tiegħu hija waħda ċara: li jgħin biex f’pajjiżna l-loġika u l-kompassjoni jimxu id f’id. Mark mhuwiex politiku tipiku; huwa persuna li kapaċi jsolvi l-problemi u li determinat li jħalli lil Malta u Għawdex aħjar milli sabhom għall-ġenerazzjoni li jmiss.
Dr Matthew Agius huwa xjenzat, artist, u għandu impenn qawwi għall-involviment fil-komunità. Huwa kellu diversi rwoli f’organizzazzjonijiet studenteski f’Malta u internazzjonalment, u kien involut b’mod attiv f’NGOs tax-xjenza u tal-isport. Fi snin riċenti, ħa rwol aktar proattiv fil-politika billi kkontribwixxa għal kampanji elettorali nazzjonali u Ewropej.
Il-viżjoni politika tiegħu hija ċċentrata fuq il-bini ta’ soċjetà ġusta fejn kulħadd igawdi d-dritt għal kwalità ta’ ħajja tajba. B’appoġġ għar-rispett reċiproku fost l-individwi u lejn l-ambjent, jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli u t-trasparenza sħiħa fil-governanza.
Il-Professur Pierre Schembri-Wismayer, 58, li kiber f’San Ġiljan iżda jgħix Ħaż Żabbar mal-familja tiegħu, irċieva l-edukazzjoni tiegħu f’San Ġwann Tas-Sliema, De La Salle College il-Cottonera, The New Lyceum (issa l-Junior College) l-Università ta’ Malta u l-Università ta’ Glasgow f’assoċjazzjoni mal-Istitut Beatson għar-Riċerka dwar il-Kanċer.
Jgħallem l-Anatomija u l-Bioloġija taċ-Ċelloli fl-Università ta' Malta bħala parti mill-Fakultà tal-Mediċina, u jwettaq riċerka dwar il-Kanċer, iċ-Ċelloli Staminali u l-Bijomekkanika fiċ-Ċentru għall-Mediċina Molekulari u l-Bijobankjar. Ippubblika aktar minn 60 pubblikazzjoni peer reviewed u hu involut f'aktar minn 4 brevetti.
Huwa ilu involut fl-edukazzjoni u l-komunikazzjoni tax-Xjenza għal ħafna żmien. Kien, fil-fatt, involut ħafna f'Science in The City u għadu involut f’Teen Science Cafe. Hu jħeġġeġ liż-żgħażagħ fl-iskejjel tal-istat jikkunsidraw karrieri fix-xjenza.
Hu rebaħ fondi Ewropej mis-6 Edizzjoni tal-European Framework Program biex imexxi l-proġett Xjenza Malta u jipproduċi serje televiżiva biex iħeġġeġ lit-tfal fix-Xjenza, imsejħa X-lab, f’kollaborazzjoni ma’ kollegi minn Xandir Malta (dak iż-żmien magħruf bħala Education 22) kif ukoll ma’ kollegi Ċiprijotti u Griegi.
Huwa kien involut fl-invenzjoni ta’ Malta Hip, li issa qiegħda tiġi żviluppata minn Garland Surgical fir-Renju Unit u l-apparat MaltaKnee flimkien mal-kollegi tal-inġinerija. Kien ukoll direttur tal-iStem cell Spin out Denovocell Ltd li minn dak iż-żmien għalqet u anke ħadem ma’ diversi dipartimenti oħra tal-Università ta’ Malta u gruppi differenti Ewropej.
Bħala student Pierre Schembri-Wismayer kien il-president tal-MMSA u rrappreżenta lill-istudenti mediċi fil-bord tal-Fakultà għal sentejn. Wara li ggradwa fil-Mediċina u l-Kirurġija fl-1991, qatta’ xahrejn volontarjat bħala tabib fil-Kenja, fuq il-Fruntiera Somala, jaħdem mal-Missjunarji Maltin kif ukoll mal-iSwedish Rotary Doctors Bank. Huwa kien involut ukoll mal-mibki Professur John Rizzo Naudi u kollegi oħra fil-formazzjoni tal-fondazzjoni SHARE biex jinġabru fondi għall-missjunarji fil-Kenja.
Lokalment huwa ddefenda l-pożizzjoni favur il-ħajja fid-dibattiti u pprovda regolarment lectures lil koppjili jkunu qegħdin jistennew tarbija fil-klassijiet antenatali ta’ Mater Dei rigward il-benefiċċji potenzjali tal-ħżin taċ-ċelloli staminali tad-demm tal-kurdun ta’ wliedhom.
Il-Professur Schembri-WIsmayer dejjem kien involut indirettament fil-politika. Dan billi attenda l-laqgħat “tan-nurmi” fl-adoloxxenza tiegħu. Minn dak iż-żmien ’il hawn huwa f'ċerta okkażjonijiet kien involut mal-AD u anke fil-kitba ta’ dokumenti konsultattivi. Hu attenda diversi laqgħat konsultattivi relatati max-Xjenza, b’mod partikolari x-Xjenzi tal-Ħajja għall-MCST u kien l-espert tal-UE ta’ Malta dwar ix-xjenzi tal-ħajja għal għadd ta’ snin. Huwa kien kofirmatarju għall-ewwel proġett iffinanzjat mill-UE meta Malta kienet qiegħda tħallas il-kontribuzzjoni tagħha għall-programmi ta’ riċerka tal-UE. Dan kien jissejjaħ TRAIN-NET.
Pierre iddeċieda li jkun kandidat għal Momentum peress li bħalissa ż-żewġ partijiet ewlenin jiddependu fuq il-finanzjament minn negozji kbar u mill-kuntratturi tal-bini u peress li mhumiex trasparenti dwar il-finanzjament tagħhom huwa jħoss li l-politika Maltija qiegħda tiġi ddettata minn ftit miljunarji għad-detriment tal-flora u l-fawna nazzjonali kif ukoll tal-ġenerazzjonijiet futuri ta’ ċittadini Maltin.